Il-Kummissarju

The Commissioner,Elliot Magro.

Elliot Magro

Kummissarju

Elliot Magro inħatar Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali nhar l-20 ta’ Lulju 2026. Il-Kummissarju għandu l-għan li jippromwovi u jħares il-benesseri tal-annimali, kif ukoll jissalvagwardja d-drittijiet u l-protezzjoni tal-annimali f’Malta u Għawdex.

Il-Kummissarju Magro kien ilu jservi fil-Korp tal-Pulizija għal aktar minn wieħed u għoxrin sena, fejn tul l-aħħar ħdax-il sena serva bħala Spettur tal-Pulizija. Tul il-karriera tiegħu mexxa investigazzjonijiet, ipprosekwixxa mijiet ta’ kawżi quddiem il-Qrati u okkupa diversi karigi ta’ tmexxija. Għal dawn l-aħħar snin kien responsabbli mit-Taqsima tal-Protezzjoni tal-Ambjent (Environmental Protection Unit), fejn mexxa l-infurzar relatat ma’ reati ambjentali u każijiet ta’ moħqrija u trattament ħażin tal-annimali. Id-determinazzjoni ta’ Elliot Magro sabiex jiżgura l-harsien tad-drittijiet tal-annimali tider cara mill-isforzi li għamel sabiex persuni li kisru l-liġijiet marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali jiġu investigati, imressqa l-Qorti, kif ukoll jinstabu ħatja tal-għemil tagħhom.

Huwa għandu grad bl-Unuri fil-Kriminoloġija, Diploma fil-Policing, diversi ċertifikazzjonijiet internazzjonali relatati mal-infurzar ta’ reati ambjentali u bħalissa qed isegwi Master’s fil-Kriminoloġija fl-Università ta’ Malta.

L-impenn tiegħu favur il-ħarsien tal-annimali kien rikonoxxut ukoll fl-2022 waqt l-Animal Honours Awards organizzati fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Annimali, meta ngħata l-Premju Speċjali tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali bħala rikonoxximent għad-dedikazzjoni tiegħu fl-infurzar tal-liġijiet relatati mal-moħqrija u t-trattament ħażin tal-annimali.