Mistoqsijiet frekwenti dwar klieb tar-razza bully
Jien għandi kelb tar-razza bully (bully breed mix). Se nkun nista’ nżommu?
Iva, tista’ żżomm il-kelb tar-razza bully. Razez tal-bully eżistenti, kemm jekk ta’ razza pura u kemm jekk ta’ razza mħallta, mhumiex affetwati minn din il-leġiżlazzjoni. Madankollu, għandek tkun żgur li l-kelb tiegħek huwa microchipped u rreġistrat b’mod elettroniku kif identifikat skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 437.101 Regolamenti dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb, qabel it-13 ta’ Diċembru 2024 u b’hekk tiżgura li dan huwa eżenti mir-regolamenti l-ġodda.
Jien għandi kelb tar-razza bully (bully breed mix). Se nkun nista’ ngħammru?
Le, mit-13 ta’ Diċembru 2024, se jkun illegali li wieħed jgħammar klieb tar-razza bully.
Jien għandi kelb bully ta’ razza pura (pure bred pedigree bully breed). Se nkun nista’ ngħammru?
Iva, sakemm tgħammru ma’ kelb ieħor bil-pedigree u l-frieħ jiġu rikonoxxuti minn klabb tal-kennels irreġistrat, u l-kelb ikollu ċertifikat pedigree.
Jekk il-kelb bully tiegħi aċċidentalment jitgħammar ma’ kelb ieħor u jkollhom il-frieħ, se niġi mmultat?
Iva, jekk tinsab li qed tgħammar razez tal-bully mħallta wara Diċembru 2024, tista’ taqla’ multa amministrattiva massima sal-ammont ta’ €1,000 għal kull kelb, l-ewwel darba li tinqabad.
Jekk din il-multa ma titħallasx fi żmien 30 jum, jinbdew proċeduri tal-qorti kriminali. Jekk jiġu nnutati diversi każijiet ta’ ksur serju, jew l-akkużat ikun diġà nstab ħati ta’ reat taħt l-Att għall-Ħarsien tal-Annimali, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali jista’ jipproċedi direttament biex iressaq akkużi kriminali.
L-ewwel darba li tinstab ħatja, il-persuna tista’ tingħata multa ta’ mhux anqas minn €2,000, imma li ma teċċedix €65,000, jew perjodu ta’ ħabs ta’ tliet (3) snin, jew multa u sentenza fil-ħabs.
Kull darba sussegwenti li l-persuna tinstab ħatja, din se tingħata multa ta’ mhux anqas minn €6,000, imma li ma teċċedix €80,000, jew perjodu ta’ ħabs ta’ tliet (3) snin, jew multa u sentenza fil-ħabs.
Jekk inkun irrid kelb tar-razza bully wara t-13 ta’ Diċembru 2024, kif nista’ nikseb wieħed b’mod legali?
Wara Diċembru 2024 inti tista’ tikseb kelb tar-razza bully biss b’mod legali billi tixtri wieħed mingħand breeder liċenzjat li jkun reġistrat ma’ klabb tal-kennels irreġistrat, jew billi tadotta wieħed minn santwarju liċenzjat.
X’jiġri jekk jinstab kelb tar-razza bully mweġġa’ fit-triq wara l-2024?
Jekk il-kelb ikollu microchip b’data qabel Diċembru 2024, dan se jiġi rritornat lil sidu. Jekk il-kelb ma jkollux microchip, dan jinġabar mill-Animal Welfare, u eventwalment il-kelb jiġi kkurat u jingħata għall-adozzjoni.
Għaliex ġiet introdotta din il-liġi?
Din il-liġi għandha l-għan li tnaqqas is-sovrapopolazzjoni tar-razez bully billi tipprojbixxi lil breeders li mhumiex liċenzjati milli jgħammru, jirriklamaw jew ibiegħu klieb tar-razza bully. Dawn ir-razez bħalissa qed jiġu abbandunati b’rata tassew għolja meta mqabbel ma’ razez oħra, u huma l-aktar diffiċli li jiġu adottati. Minħabba dan, ħafna drabi huma jispiċċaw iqattgħu ħajjithom kollha f’xi santwarju.
Din il-liġi ġiet stabbilita għax ir-razez tal-bully jitqiesu bħala agrgessivi jew perikolużi?
Le, l-liġi MA ĠIETX STABBILITA minħabba tħassib dwar aggressjoni. Bħal kull razza oħra, kelb tar-razza bully jista’ jkun ġentili u ubbidjenti. Il-liġi tindirizza r-rata għolja tal-abbandunament tagħhom, u l-problemi biex terġa’ tinstabilhom dar, fatturi li jwasslu għal santwarji mimlijin iż-żejjed, u t-tbatija li jaffaċċjaw il-klieb ta’ din ir-razza.
Jekk ninqabad ngħammar kelb tar-razza bully wara t-13 ta’ Diċembru 2024, x’jiġri mill-ġriewi?
Int se tkun tista’ żżomm il-ġriewi, sakemm dawn jiġu microchipped u jiġu rreġistrati b’mod elettroniku meta jkunu tal-età xierqa. Mhux se tkun tista’ tagħmel reklami, tbiegħhom jew tgħammarhom, u tiġi mmultat sa massimu ta’ €1,000 għal kull ġeru.