It-Trattament Xieraq tal-Annimali prijorita għaċ-ċittadini Ewropej

Kitba ta George Farrugia – Promotional Officer fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-trattament xieraq tal-annimali

The Author - George Farrugia

Iċ-ċittadini Ewropej jisħqu li l-futur tal-Ewropa jfisser li għandu jkun hemm aktar ħarsien u trattament xieraq tal-annimali (Animal Welfare). Wieħed mil-prijoritajiet taċ-cittadini Ewropej huwa ‘Il-ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali’. Dan ħareg minn rapport tal-‘Eurogroup for annimals’, fejn huwa nnotat illi t-Trattament Xieraq tal-Annimali huwa essenzjali daqs kemm hija mportanti l-liberta’ tal-espressjoni. F’dan ir-rapport jingħad ukoll illi l-futur tal-Animal Welfare huwa sensittiv ħafna. Tant huwa sensittiv, illi għaċ-ċittadini Ewropej dan huwa qasam importanti daqs il-ġlieda favur it-tibdil fil-klima (climate change), it-tassazzjoni, kif ukoll daqs il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (Eurogroup for Animals, 2019).

Minn dan ir-rapport ħareġ, illi wieħed minn kull seba’ parteċipanti enfasizzaw illi l-qasam u l-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali huwa wieħed mix-xewqat tagħhom, u dan għandu jkun wieħed mil-prijoritajiet tal-Ewropa. Interessanti wkoll li joħrog minn dan ir-rapport, illi tlettax fil-mija (13%) miċ-ċittadini Ewropej saħqu, illi jekk ikun hemm aktar deċiżjonijiet favur il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali fuq livell Eworpej, dawn iċ-ċittadini Ewropej qalu li jħosuhom grati u kburin.

Il-futur tal-agrikoltura, is-sajd u l-produzzjoni tal-ikel huma uħud mil-prijoritajiet prinċipali illi l-Ewropa għandha tiffoka. Dan kollu huwa fundamentali sabiex tkun rispettata l-bijodiversità u jkun hawn aktar għarfien u promozzjoni dwar biedja organika, veġetarjaniżmu, kontroll fuq is-sajd u kontroll fuq l-annimali meta jkunu qed jiġu trasportati minn post għall ieħor, kif ukoll il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali b’mod ġenerali.

Il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport isaħħu dak kollu li ħareġ mil-Eurobarometer fl-2016, fejn numru kbir ċittadini Ewropej enfasizzaw fuq l-urġenza u l-ħtieġa t’azzjoni dwar il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali. Rapport ieħor tal-Parlament Ewropew tal-2017 dwar il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali jiżvela, li minkejja l-appoġġ b’saħħtu tal-poplu Ewropej, il-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja jeskludu speċi differenti. Għalhekk, uħud mil-liġijiet eżistenti għandom jiġu emendati sabiex jilħqu livell meħtieġ.

Fl-2019, il- Membri tal-Parlament Ewropej (MEPs) qablu li jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Eurogroup for Animals dwar il-kampanja ‘Ħarsien u Trattament Xieraq tal-Annimali’. Reineke Hameleers, Direttur tal-Eurogroup jisħaq sabiex,

“Kemm il-partit Soċjalista Ewropej kif ukoll il-partit tal-Ħodor huma kommessi sabiex fit-terminu li-jmiss isaħħu l-qasam dwar il-Ħarsien u Trattament Xieraq tal-Annimali. Jiena nispera li issa naraw impenn simili minn partiti u kanditati Ewropej oħra f’din il-kampanja”

[Both the Party of European Socialists and the Greens have clear commitments to improve animal welfare in the next term. I hope we will now see similar commitments from other pan-European parties and candidates in the remainder of the campaign] (Eurogroup for Animals, 2019, par. 9)

Kif jidher ċar minn numru ta’ rapporti ppubblikati, it-tendenza favur il-qasam tal- Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali fost il-popli Ewropej qegħda dejjem tissaħħaħ u tiżdied. Dan kollu jħeġġeg u jitfa’ aktar pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin sabiex pajjiżna bħala membru tal-Unjoni Ewropeja, jikkontribwixxi u jagħti prijorita’ l-qasam tal-annimali bid-deċiżjonijiet u l-politika fil-qasam tal- Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali. Ukoll, minn dawn ir-rapporti msemmijja hawn fuq, jidher ċar illi l-kwistjoni tal-annimali, u l-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tagħhom huwa ta’ nteress mhux għal xi pajjiż partikolari, iżda għal kull Membru Stat, inkluż pajjiżna.

Minħabba li llum il-ġurnata hawn aktar għarfien dwar il- Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali, dan il-fenomenu qiegħed iqajjem aktar interess u kuxjenza fost il-popli Ewropej, inkuż fost il-poplu Malti. Għalhekk l-impenn tal-awtoritajiet Maltin fuq il-qasam tal-annimali għandu jingħata prijorita’, kif ukoll il-qasam leġislattiv dwar l-annimali dwar it-trattament xieraq, għandu jkun fuq-nett tal-aġenda.

Minn naħa l-oħra, matul is-snin, pajjiżna ra’ qabżiet kbar fil-qasam tal-annimali u t-trattament u l-ħarsien tagħhom. Wieħed isemmi l-ħatra ta’ Kummissarju fl-2014, kif ukoll diversi kampanji edukattivi u tibdil f’diversi liġijiet fejn għandu x’jaqsam ma’ moħqrija tal-annimali. Wieħed jgħid, dan kollu mhux biżżejjed? Kif joħroġ mir-rapporti msemmija hawn fuq, jidher ċar illi l-qasam tal-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali huwa kruċjali sabiex nissalvagwarjaw u nsaħħu l-qasam dwar il-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali. Kif jista jsir dan kollu? Bħala membri u ċittadini Ewropej għandna nipparteċipaw fejn jidħlu konsultazzjonijiet pubbliċi kif ukoll f’intervisti li xi drabi jsiru sabex insaħħu aktar l-għarfin fost il-poplu Malti, kif ukoll nieħdu ħsieb illi l-annimali jkollhom trattament xieraq.

Ċittadini Maltin, bħal ċittadini oħra Ewropej għandom id-dritt isemmghu leħinhom kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali sabiex issir aktar pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin kif ukoll Ewropej, sabiex il-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali jkun fuq quddiem tal-aġenda. Għalhekk, bil-parteċipazzjoni kif ukoll bl-attiviżmu tagħna bħala Maltin, inkunu qed insaħħu l-vuċi tal-annimali, vuċi li l-annimali m’għandhomx. Għalhekk, irridu nkunu aħna bħala poplu Malti, flimkien mal-poplu Ewropej sabiex il-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali jkun trattat bħala prijorita’, kif fl-aħħar mil-aħħar, joħroġ mir-rapport tal-Eurogroup for Animals.

Reference

Eurogroup for Animals. (2019). The future of Europe means more animal welfare, say Europe’s citizens.

Press Release, Brussels. Irkuprat minn
https://www.eurogroupforanimals.org/news/future-europe-means-more-animal-welfare-say-europes-citizens​

commissioneranimalwelfare
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.